Aħna nifirħu bir-rigali u tajjeb. Imma kien Alla li tana l-akbar rigal... lil Ibnu stess. Jekk Alla ried li jagħtina lil Ibnu bħala uman b’rigal, sinjal li kien hemm raġuni vera kbira għaliex ried jagħmel dan.
Imma l-istorja tal-Milied suppost tfixkilna. Mhijiex xi fairytale fejn... they lived happily ever after. Alla jibgħat lil Ibnu imma ma jsibx fejn jitwieled. Anqas sodda jew post sħun. Le... f’maxtura ġo stalla.
U r-rigali li naqla’ jien insibhom mgeżwra f’karta sabiħa, dehbija. Qlajt kartolina tfuħ ukoll dis-sena... fl-istalla nista’ nimmaġina x’riħa kien hemm. Xejn ma kien irrepjat sabiħ.
Din l-istorja suppost tfixkilna, imma għamilniha sabiħa... stilla, anġli, rgħajja u maġi. Il-mistoqsija li tiġi f’moħħi bħalissa tkun: x’suppost qed nifhem minn din l-istorja? Li jien għandu jkolli kollox sew, kif nixtieq jien, kollox first class... u meta jiġi xi ħaġa mhux kif nixtieqa jien, neħodha kontra Alla?
U Alla jagħżel li jitwieled bla saqaf, fil-bard, u fil-ħmieġ. Jagħżel li l-istorja tkun hekk, mhux kif kont nagħmilha jien, f’xi palazz, min-nies nobbli jew ankeregali. Kont nagħmel twelid kbir mhux fil-moħbi, li jiġbed ħafna nies meta jitwieled, li joħloq ħafna rispett u mhux konfużjoni. Forsi għalhekk insibu din l-istorja f’vanġelju wieħed biss, għax hi storja li tfixkel.
Allura nerġa nsaqsi: X’qed jgħidilna San Luqa jew l-Ispirtu s-Santu, b’din l-istorja? Li mhux vera li l-unuri u l-affarijiet kbar jinsabu f’nies importanti jew għorrief jew nies kbar bħal politikanti. Li l-verità ma tiġix minn fuq (nies ta’ klassi) imma minn isfel, minn dawk li huma injorati jew inwarrba. Li l-verità mhux bil-fors tiġi miċ-ċentru tal-belt, tal-Knisja imma minn xi raħal ċkejken, bħal Betlehem. Il-mixja ta’ Alla fuq l-art bdiha fuq triq imħarrbta u iebsa.
L-istorja tal-Milied għandha l-qawwa toħloq stagħġib u misteru. Aktar toħloq mistoqsijiet milli tagħti risposti. Allura tistedinna biex... naħsbu, nidħlu f’realtijiet ġodda mhux nibqgħu trankwilli fejn inkunu. Għax kull Kelma t’Alla suppost toħloq tfixkil biex lilek ma tħallikx kalm... fl-istess post. Imma toħloq tħarbit, aktar milli konklużjoni, risposti.
X’qed jgħidilna Alla? Li t-triq tal-fqir, tal-imwarrab, tal-miskin, tal-vulnerabilità, hi aktar preferuta minnu? U jien mhu qed nara lil ħadd minna li jrid jaqbad dik it-triq, it-triq tal-prekarjetà. Aħna nippreferu nħarsu lejna nfusna bħala b’saħħitna, għandna poter, qawwa u għandna l-flus, aħna speċjali.
Imma ma nistgħux naħarbu mill-fatt li Kristu beda dil-ħajja ma’ dawk li mgħandhomx dar, refuġjati, fqar, bla poter u forsi anke nistgħu ngħidlu diskriminat. Marija, Ġużeppi u Ġesù kienu biss statistika fl-għajnejn ta’ kulħadd u żgur mhux nies li jiddeċiedu għalihom infushom. Il-Familja Mqaddsa kienet bla kontrol fuq l-istorja li kienet għaddejja minna. Alla jagħmel din l-għażla għalih meta jiddielja magħna fuq il-livell tagħna ta’ bnedmin.
L-istorja tal-Milied qed tgħidilna li għandna praoritajiet żbaljati; li naħseb li għadna ma fhimniex ħafna affarijiet kif jifhimhom Alla. Għalhekk hi storja li suppost iġġib bidla fil-mod kif naħsbu, li tbiddel ta’ taħt fuq il-mod kif jikkalkulaw, niġġudikaw, nifhmu l-importanza tal-affarijiet. Imma 2011-il sena wara minn din l-ewwel ġrajja, fhimna xi jfisser il-Milied għal bniedem uman.
No comments:
Post a Comment