Monday, July 11, 2011

il-Parabbola tal-bidwi li kien ħali

Il-Parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’

Inkredibbli kemm irnexxielna noħolqu kompetizzjoni f’kull ħaġa li nagħmlu. Hekk trabbejna mill-ġenituri u l-għalliema tagħna sa mill-primarja u allura anke l-ħajja narawha l-istess bħala kompetizzjoni. Imbagħad meta tiġi parabbola bħal din infittxu fejn qegħda l-kompetizzjoni.

Għandna l-istorja ta’ wieħed li mar jiżra’. Naturalment kollox bl-idejn. Iż-żerriegħa kienet magħżula u preparata għall-istaġun. U meta jkun hemm temp ideali joħroġ jiżra’.

L-enfasi li dejjem kont nisma’ meta kont żgħir kien li jien għandi nkun ħamrija lesta, fertili, preparat. Qatt ma kellmuni fuq il-kwalitajiet ta’ min jiżra’!

Dil-parabbola għandha aktar sens milli sempliċiment tieqaf tgħid jekk inhix preparat? X’tip ta’ ħamrija jien? U, jekk fija hux ħiereġ frott abbundanti? M’ilux ħafna meta bdejt ninduna li din il-parabbola, bħal ħafna parabboli oħra ta’ Ġesù, għandha storja li tiddiskrivi aktar lil Alla fil-mod kif imexxi fuqna, u meta tismagħha hekk tqanqal emozjonijiet kbar fik.

Bħalma fil-parabbola tal-Iben il-Ħali għandna l-Missier li hu aktar ħali fl-imħabba tiegħu waqt li jistenna lil Ibnu li jaħlilu ġidu, hekk ukoll kien ħali dal-bidwi. Li jieħu din iż-żerriegħa, li illu jipprepara u jikkonserva biex jiżragħha, imbagħad jitfagħha bl-addoċċ li taqa’ fil-mogħdija, fuq il-blat u qalb ix-xewk, trid tkun ħali ta’ veru.

L-istorja taħsad lil min jifhem fil-biedja. Żerriegħa tajba ma taħlihiex hekk. U meta tqabbel dan il-bidwi ma’ Alla, suppost taħsad lil ħafna nies.

F’kultura li tiġġudika min hu ġust bil-pożizzjoni tiegħu minn kemm hu qawwi, prestiġjuż jew priviliġġjat, li taħseb li l-kelma t’Alla tiġi għal dawk li malajr ser iħallu l-Ħażin jirbaħhom, huwa skandlu. Imma dan hu dak li l-istorja tgħidilna. Iż-żerriegħa tal-grazzja taqa’ bla distinzjoni fil-ħajja tal-ulied kollha ta’ Alla. X’jiġri wara li tinżera’ ż-żerriegħa mhux magħruf immedjatament. Ħadd ma jaf x’jiġri mill-ħela tal-grazzja t’Alla.

Li sempliċiment tikkalkula kemm wieħed qiegħed jimxi wara Kristu billi tispezzjona l-ħamrija tkun qed toħnoq il-qalb u tillimita l-qawwa ta’ Alla.

Il-Bidwi għadu jiżra’ bl-addoċċ ġurnata wara l-oħra. Xi wħud jisimgħu u oħrajn webbsu qalbhom. Xi wħud jaraw u oħrajn jagħlqu għajnejhom. Imma l-bidwi jibqa’ jitfa’ ż-żerriegħa bl-addoċċ għal kulħadd.

Grazzi lil Alla li hu bidwi ħali.

No comments:

Post a Comment