Saturday, June 18, 2011

Omelija tal-Vġili tal-Għid 2011

Il-lejla l-liturġija togħxa fuq is-simboliżmu tad-dawl u d-dlam. Is-sabiħ tad-dawl tagħrfu meta tkun esperjenzajt l-ikraħ tad-dlam. Hekk provat tagħmel il-liturġija fil-bidu tal-funzjoni. Dħalna fi dlam kemm stajna biex imbagħad apprezzajna d-dawl li jiġi minn Kristu, l-blandun. Imma bħal kull ħaġa oħra ma tistax tapprezza d-dawl qabel ma tkun esperjenzajt id-dlam. U d-dlam hu mportanti; mhuwiex biss aspett negattiv.

Dettall mill-istatwa ta' Kristu Rxoxt gewwa l-belt tal-Isla (2011)

Ma nafx qatt innotajtux fil-qari tal-kreazzjoni, kif Alla jgħid li “ra li kollox kien sew”, fil-3, 4, 5 u 6 Jum imma ma jgħidx hekk għall-1 u t-2 jum, meta fired id-dawl mid-dlam u  s-sema mill-art? Ma qalx hekk għax mhux sew. Il-kumpament tal-paġni tal-bibbja jipprovaw iġibu dawn iż-żewġ opposti, d-dawl u d-dlam, is-sema u l-art, lura flimkien, f’post wieħed.

Ħajjitna hi mimlija kontradizzjonijiet. Din hi l-mistħija tagħna. Jien id-dnub oriġinali nsejjaħlu l-mistħija oriġinali: meta ndunajna li dawn il-kontradizzjonijiet fil-ħajja tagħna huma wisq tqal biex iġġorrhom. Hemm ċertu sens li aħna mhux kompluti (inedequate), mhux biżżejjed. Dan hu d-dnub oriġinali imma mhux dottrina li tikkundanna. Anzi hi aktar dotrina li tikkunslana. Għax meta tkun taf li int mimli kontradizzjonijiet, int misteru għalik innifsek, ma teħodhiex bi kbira.

Hekk ġralhom ħafna nies li telqu mill-Knisja. Indunaw li marru l-quddies, qerrew, tqarbnu u baqgħu mimlijin kontradizzjonijiet u tfixklu. Provaw jilgħabu l-lobgħa li jaħbu l-verità, r-realtà imma ma felħux iġorru aktar. Wisq truf. Kif tista’ tħobb il-mewt u l-ħajja fl-istess ħin – Min jitlef ħajtu jsribha, min isib ħajtu jitlifha. Ipprova ifhem!

Imma minn fejn ġej dan kollu? Ġej mill-fatt li Alla ħalaqna liberi. L-akbar riskju li ħa magħna. Għalhekk ħalaqna fuq xbiha tiegħu. X’inhi din ix-xbiha? Hemm sens kbir fina li rridu nirrelataw, nikkonnettjaw m’oħrajn. Qisu maħniex sħaħ qabel ma’ nirrelataw ma’ oħrajn. Inħossni mhux komplut mingħajrek. Minn hawn ġej li aħna nies senswali, miġbudin lejn l-oħra/l-ieħor, lejn il-familja. Qisu bżonn fija li nsib lili nnifsi fik.

Imma bħal fis-salib hemm il-lasta oriżżontali u l-lasta vertikali. Ħafna drabi dan is-sens ta’ relazzjoni nsibuha biss fuq il-livell oriżżontali tagħna u mhux fuq livell vertikali ukoll. Fil-fatt, int ser issib lilek innifsek vera meta tirrelata ukoll ma’ Alla. Int ser issib lilek innifsek verament f’Alla.

Ħafna nies jibżgħu minn dan. Għax kif ser nasal ħdejh ser jiġġudikani. Għandi aħbar tajba għalikom illum. Meta nasal għandu, Alla ser nillibera lili nnifsi mill-ġudizzju negattiv li jien għandi tiegħi nnifsi. Il-ġudizzju t’Alla hu dejjem ta’ Missier b’imħabba kbira. Alla kien jaf x’ħalaq meta ħalaq lili u lilek. Alla jħobb dawn il-kontradizzjonijiet li hemm fina.

U xi jrid minna? Iridna nkunu dgħajfa imma nilgħabuha ta’ bravi, ta’ qaddisin? Le, jaf min aħna, kif aħna. Irid li aħna nifhmu min aħna u nibdew nindunaw li dak li hemm fina hu tajjeb, anzi tajjeb ħafna, bħalma qal fis-sitt jum. Iridna nġorru t-truf flimkien: id-dawl u d-dlam, is-sema u l-art, il-ħajja u l-mewt. Naqbdu t-truf u nżommuhom flimkien fil-ħajja.

Fil-fatt, is-sema u l-art, id-dlam u d-dawl jistgħu jgħixu flimkien. Din hi l-istorja ta’ ħajjitna, kull wieħed u waħda minnha. U għandna kelma għaliha: MAĦFRA – dak li ċċelebrajna f’dawn it-tlett ijiem. Dan hu dak li Ġesù ġie jgħallimna: il-maħfa. Aktar min-nofs id-diskors ta’ Kristu kien dwar il-maħfra.

Tafu li l-esperjenza tal-maħfra hi l-unika mument f’ħajtek fejn tesperjenza t-tjubija t’Alla u tiegħek fl-istess ħin? Għaliex ħafirli? Sinjal li ra xi ħaġa tajba fiha. Fil-maħfra tinduna li int tajjeb għax Alla tajjeb. U t-tjubija t’Alla tirrifletti t-tjubija fik. Fid-dawl ta’ Alla ikollok il-kuraġġ tgħannaq u taħfer id-dlam ta’ ġo fik.

U din tista’ tagħmilha biss ma’ Alla. Ma tistax tagħmilha ma’ nies oħra li jiġġudikawk. Ma’ nies oħra tilgħabha li int aħjar, għax tibża’ li ma jaċċettawkx. Imma hemm wieħed li jaċċettana eżatt kif aħna. Ġesù!

Għalhekk niżel biex jurina li ma jikkundannaniex, ma jiġġudikaniex, ma jwaħħalx fina. Hu dak li jilqagħna kif aħna perfettament għax jaħfrilna perfettament.

X’kien id-dnub ta’ Adam u Eva? Jieklu mis-siġra u jindunaw bit-tajjeb u l-ħażin, jisseparaw it-tajjeb mill-ħażin. U minn dak inhar bdejna nisseparaw min hu tajjeb u min hu ħażin, min hu ġewwa u min hu barra, kif jagħmu ħafna knejjes illum. Għal ħafna nies dan hu li tkun nisrani, dawk li sejrin il-ġenna u dawk li sejrin l-infern. U Alla qalilhom, tieklux minnha għax ser tispiċċaw tiġġudikaw lil xulxin fit-tajjeb u l-ħażin.

Imma jien irrid inkun naf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Kollox idur mhawn. U għax mingħalija issa naf, allura mhux kapaċi naċċetta d-dlam, l-uman, id-dgħajjef fija... flimkien mad-dawl, id-divin u l-qawwa f’Alla. Skont dak li fhimt, dawn ma jmorrux flimkien.

Kristu qam biex jurina dan. Inkunu fid-dinja imma mhux tad-dinja. B’saqajna mal-art inżommu t-truf flimkien. Hi l-ġlieda tal-ħajja, imma ma’ Alla. Inġorru l-misteru tal-Għid: fil-mewt hemm il-ħajja; fit-tbatija hemm il-glorja, fit-toqol hemm il-ferħ, fil-mewt hemm il-qawmien. Naċċettaw il-kontradizzjonijiet, l-inkonsistenzi tal-ħajja flimkien minflok nisseparaw it-tajjeb u l-ħażin.

Kristu llum qed jgħidlek: “Inti l-mewt u jien il-ħajja.” Li tħalli lil Kristu jidħol fik trid tmut għalik innifsek biex hekk jgħix hu. Il-lejla qed jgħidlek: “Tippreokkupax ruħek fuq dak li hu mewt fik, dnub, dgħufija... ikkonċentra fuq dak li hu ħajja fija. Jien qomt. Ħallini ngħix fik. Poġġi dan id-dawl tiegħi fid-dlam tiegħek.”

No comments:

Post a Comment